Information about the Event

Festival Kanzunetta Maltija huwa pjattaforma prestiġjuża għallkanzunetta Maltija f’ġeneri differenti ta’ mużika bħal ballads, rock, pop, r’n’b, jazz, blues, country u ħafna iktar. Edizzjonijiet passati ta’ dan il-festival tilfu triqathom matul iż-żmien, b’kanzunetti miktubin minn awturi u kompożituri internazzjonali, lirika bil-lingwa Ingliża u mużika rrekordjata. Bis-saħħa ta’ dan il-festival aħna ser nerġgħu nagħtu ġieħ lil-lingwa Maltija u lill-artisti tagħna, billi noffru spazju fejn tista’ tindaqq, u tiġi apprezzata ilmużika Maltija. Permezz ta’ Orkestra live u proċess ġust u rogoruż għall-għażla tal-parteċipanti, dan il-Festival qed jagħti żbokk ta’ livell għoli għall-Kanzunetta Maltija. Tlett iljieli ta’ mużika, b’ċelebrazzjoni tal-lingwa nazzjonali tagħna u tat-talent lokali li tant huwa abbundanti; spazju ferm xieraq għall-Kanzunetta Maltija.

Storja

Bidu Umli

Il-‘Malta Song Festival’ jaf il-bidu tiegħu minn grupp żgħir fl-1960, fejn il-Żgħażagħ Ħaddiema Nsara (ŻĦN) organizzaw l-ewwel festival tal-mużika fil-gżejjer Maltin. Ftit wara, festivals oħra għamlu l-istess, bit-tnedija tas-‘Song for Europe’; bir-rebbieħ tiegħu jirrapreżenta lil Malta fil-‘Eurovision Song Contest’. Dan ġie segwit bl-‘Għanja tal-Poplu’, sponsorjat mill-‘Youth Travel Circle’ (YTC), li għadu qed jittella’ kull sena sal-ġurnata tal-lum. Dan il-festival addotta stil differenti, u sa 2016 serva ta’ vetrina għal kompożizzjonijiet Maltin ibbażati fuq temi soċjali.

It-Twelid tal-Mużika Maltija

Il-‘Festival Internazzjonali tal-Kanzunetta Maltija’ twieled uffiċjalment fl-1981, bl-idea li l-mużika Maltija, flimkien ma’ kantanti, awturi u kompożituri lokali, tilħaq rikonoxximent internazzjonali. Il-kunċett ewlieni ta’ dan il-festival kien biex jinkoraġġixxi kantanti minn pajjiżi oħra biex jipparteċipaw b’kompożizzjonijiet Maltin addattati għall-istil ta’ mużika u l-lingwa tagħhom. Apparti minn hekk, il-festival fetaħ bibien lil bosta artisti lokali, għax l-ewwel, it-tieni u t-tielet post dejjem kienu jiġu mistiedna jikkompetu f’festivals internazzjonali. Kien hemm drabi fejn anke kantanti mhux rebbieħa ntagħżlu, u xi artisti barranin saħansitra żiedu kompożizzjonijiet Maltin fuq ic-CD tagħhom.

​Waqfa Ħesrem

Wara għoxrin sena konsekuttiva, Il-‘Festival Internazzjonali tal-Kanzunetta Maltija’ ġie mwaqqaf ħesrem fl-2002, b’sorpriża għal ħafna delettanti tal-festival.

​Wara ħdax-il sena dan il-festival irritorna fl-2013, u għalkemm kellu baġit minimu, xorta ġie milqugħ tajjeb minn awturi, kantanti u kompożituri lokali. Dan ir-ritorn kien wieħed qasir, għax il-festival ma kompliex wara dik is-sena, ħlief darba f’Lulju tal-2016 taħt l-isem ta ‘L-Għanja tal-Poplu – Festival tal-Kanzunetta Maltija’.

Minn dakinhar ‘l hawn kompożituri, awturi u kantanti baqgħu jittamaw li l-Festival Internazzjonali tal-Kanzunetta Maltija jirritorna.

Ritorn Grandjuż

Fl-2021, permezz tas-sapport tal-Prim Ministru Dr Robert Abela u l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, L-Arti u L-Gvern Lokali Hon. Dr José Herrera, l-festival ħa żvolta oħra u rritorna bil-kbir. Taħt il-kappa ta’ Festivals Malta, il-festival bl-isem il-ġdid ta’ ‘Mużika Mużika – Festival Kanzunetta Maltija’ fl-aħħar qed jingħata l-preġju li tant jixraqlu.

Date

23rd March 2023

Time

1930hrs - 2300hrs